Atmosfera
Is-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera ta’ Copernicus (CAMS) jipprovdi data u informazzjoni kontinwi dwar il-kompożizzjoni atmosferika.
Is-servizz jiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali, jipprevedi s-sitwazzjoni ftit jiem minn qabel, u janalizza b’mod konsistenti r-rekords tad-data retrospettivi għas-snin riċenti.
Is-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera ta’ Copernicus jappoġġja l-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet f’varjetà ta’ dominji, inkluż is-saħħa, il-monitoraġġ ambjentali, l-enerġiji rinnovabbli, il-meteoroloġija u l-klimatoloġija.
Is-servizz jiffoka fuq ħames oqsma ewlenin:
- Il-kwalità tal-arja u l-kompożizzjoni atmosferika;
- Is-saff tal-ożonu u r-radjazzjoni ultravjola;
- L-emissjonijiet u l-flussi tas-superfiċje;
- Ir-radjazzjoni solari;
- L-isfurzar klimatiku.
Hawn qed jiġu ppreżentati xi eżempji tal-applikazzjoni tas-servizz (aktar eżempji hawn).
Dan jipprovdi informazzjoni ta’ kuljum dwar il-kompożizzjoni atmosferika globali bil-monitoraġġ u bit-tbassir ta’ kostitwenti bħall-gassijiet serra (id-diossidu tal-karbonju u l-metan), il-gassijiet reattivi (eż. il-monossidu tal-karbonju, il-komposti tan-nitroġenu ossidat, id-diossidu tal-kubrit), l-ożonu u l-aerosols.
Dan jipprovdi analiżi kważi f'ħin reali u previżjonijiet ta’ 4 ijiem, kif ukoll analiżi mill-ġdid, tal-kwalità tal-arja Ewropea, li b’hekk jippermetti valutazzjoni permanenti fl-arja li nieħdu n-nifs minnha.
Dan jipprovdi lill-organizzjonijiet pubbliċi u privati li jkunu involuti fl-użu tal-enerġija solari informazzjoni xierqa u preċiża dwar ir-riżorsi tar-radjazzjoni solari fil-wiċċ tad-Dinja, li għandha importanza kbira f’dominji bħas-saħħa, l-agrikoltura u l-enerġiji rinnovabbli.
Għal preżentazzjoni aktar dettaljata tas-Servizz ta’ Monitoraġġ tal-Atmosfera ta’ Copernicus, jekk jogħġbok irreferi għall-iskeda informattiva mehmuża u għas-sit web tas-servizz.
Kun af li l-prodotti li jingħataw mis-servizz jiġu pprovduti mingħajr ħlas permezz ta’ katalgu interattiv.
F’Novembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea ffirmat Ftehim ta’ Delega mal-ECMWF (iċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perijodu Medju) għall-implimentazzjoni tas-servizz. Il-verżjoni pubblika tal-Anness Tekniku ta’ dan il-ftehim hija disponibbli fir-Repożitorju tad-Dokumenti (taħt Dokumenti Tekniċi) li huwa disponibbli fuq dan is-sit web. Is-servizz ilu jopera minn Lulju 2015.