Emerġenza
Is-Servizz ta’ Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus (l-EMS ta’ Copernicus) jipprovdi lill-atturi kolla involuti fil-ġestjoni ta’ diżastri naturali, sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kkawżati mill-bniedem u kriżijiet umanitarji, b’informazzjoni ġeospazjali f’waqtha u preċiża derivata permezz ta’ telerilevament bis-satellita u kompluta permezz ta’ sorsi disponibbli ta’ data in situ jew miftuħa.
L-EMS ta’ Copernicus jikkonsisti minn żewġ komponenti:
- komponent tal-immappjar;
- komponent ta’ twissija bikrija.
Il-komponent tal-immappjar tas-servizz (EMS ta’ Copernicus - Immappjar) għandu kopertura globali u jipprovdi lill-atturi msemmija hawn fuq (b’mod partikolari l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni Ċivili u l-Aġenziji tal-Għajnuna Umanitarja) mapep ibbażati fuq immaġnijiet satellitari. Is-servizz ilu jopera b’mod sħiħ mill-1 ta’ April 2012 u jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tad-DĠ tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-prodotti ġġenerati mis-servizz jistgħu jintużaw kif forniti (eż. bħala outputs diġitali jew mapep ipprintjati). Dawn jistgħu jingħaqdu wkoll flimkien ma’ sorsi oħrajn ta’ data (eż. settijiet ta’ karatteristiċi diġitali f’sistema ta’ informazzjoni ġeografika) biex jappoġġjaw l-analiżi ġeospazjali u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-maniġers tal-emerġenzi.
L-EMS ta’ Copernicus - Immappjar jista’ jappoġġja l-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-emerġenzi. it-tħejjija, il-prevenzjoni, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, ir-reazzjoni għall-emerġenzi u l-irkupru.
Il-komponent ta’ twissija bikrija tal-EMS ta’ Copernicus jikkonsisti minn tliet sistemi differenti:
- Is-Sistema Ewropea ta’ Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar (EFAS), li tipprovdi ħarsiet ġenerali dwar l-għargħar li jinsab għaddej u dak previst fl-Ewropa sa massimu ta’ 10 ijiem minn qabel.
- Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti (EFFIS), li tipprovdi informazzjoni qrib il-ħin reali u storika dwar in-nirien fil-foresti u r-reġimi tan-nirien fil-foresti fir-reġjun Ewropew, tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq.
- L-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa (EDO), li jipprovdi informazzjoni rilevanti għan-nixfa u twissijiet bikrin għall-Ewropa.
Is-Sistema Globali dwar is-Sensibilizzazzjoni tal-Għargħar (GloFAS), is-Sistema Globali għall-Informazzjoni dwar in-Nirien Selvaġġi (GWIS) u l-Osservatorju Globali tan-Nixfa (GDO) jikkompletaw it-tliet sistemi preċedenti t’hawn fuq fil-livell globali.
Is-servizz jingħata mingħajr ħlas lill-utenti kollha jew b’modalità ta’ ħeffa, fil-każ ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni tal-emerġenzi li jirrikjedu risposta immedjata (aqra aktar) u/jew b’modalità mhux ta’ ħeffa, biex jiġu appoġġjati attivitajiet ta’ ġestjoni tad-diżastri ta’ emerġenza mhux relatati ma’ risposta immedjata li tanalizza l-valutazzjoni tar-riskju ta’ qabel id-diżastru u l-vulnerabbiltà tal-popolazzjoni u tal-assi jew l-irkupru u r-rikostruzzjoni ta’ wara d-diżastru (aqra aktar). Dan jista’ jiġi attivat minn utenti awtorizzati magħżula.
Aktar informazzjoni dwar is-servizz hija disponibbli fuq l-EMS ta’ Copernicus – Portal tal-Immappjar. Il-portal pubbliku tas-Servizz ta’ Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus jippermetti lill-utenti jniżżlu l-mapep u l-prodotti kollha li jingħataw minn dan is-servizz.
Ġiet prodotta Gwida għall-Utenti għas-Servizz tal-EMS, u din hija disponibbli hawn.
Għal preżentazzjoni aktar dettaljata, jekk jogħġbok irreferi għall-iskeda informattiva mehmuża.